Ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet
Fis-seħħ minn: 12 ta’ Ġunju 2024
TAGĦRIF DWAR L-ARBITRAĠĠ: JEKK TGĦIX FL-ISTATI UNITI INT MARBUT/A BID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ SKONT IR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC.. ĦLIEF FEJN JIDĦOL XI XORTA TA' TILWIM IMSEMMI FIL-KLAWŻOLA TAL-ARBITRAĠĠ, INT U SNAP INC. TAQBLU LI T-TILWIM TA' BEJNIETNA JINĠIEB U JINQATA' MINN ARBITRAĠĠ OBBLIGATORJU B'RABTA LEGALI KIF IMFISSER FIR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC. U LI INT U SNAP INC. IĊĊEDU KULL JEDD LI TIEĦDU SEHEM F'XI AZZJONI KOLLETTIVA JEW F'ARBITRAĠĠ BĦALA GRUPP.
Daħla
Dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet huma ftehim b'rabta legali bejnek (jew bejn l-għaqda tiegħek) u bejn Snap u jgħoddu kull darba li tuża l-għodod imħaddma bl-IA li Snap tagħtik f'Lens Studio jew b'rabta miegħu (il-Kaxxa tal-Għodda ta' SnapML u kull xorta ta' faċilitajiet u għodod li jaħdmu bl-IA ħallieqa f'Lens Studio bħal GenAI Suite) li jużaw l-istampi jew il-kitba żerriegħa li tagħtina int biex joħolqu l-kontenut imsejjes fuq dawk iż-żrieragħ biex tużah fis-Servizzi (l-“Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet”). Il-prodotti u s-servizzi msemmija fir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet huma “Servizzi” skont it-tifsira mogħtija lill-kelma mir-Regoli tas-Servizz. Dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet huma parti mir-Regoli ta' Lens Studio għalhekk jekk jogħġbok aqrahom bir-reqqa. Jekk xi darba dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet imorru kontra r-Regoli ta' Lens Studio jew xi regoli jew politiki oħra msemmija fir-Regoli ta' Lens Studio, dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet għandhom jitqiesu bħala r-regoli t-tajba.
1. Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet
a. Iż-żrieragħ li tibgħat lis-Servizzi biex toħloq ir-riżultati u r-riżultati nfushom (bħall-mudelli tas-software u l-assi 3D) jitqiesu bħala “Assi” skont it-tifsira mogħtija fir-Regoli ta' Lens Studio, anki għall-għanijiet marbuta mal-liċenzja li tagħtina għall-Assi tiegħek u d-dmirijiet u r-responsabbilitajiet tiegħek lejna talli ttella' dawk l-Assi fuq is-Servizz. Ma tistax tuża l-Assi maħluqa bis-Servizz għajr biex toħloq il-Lentijiet f'Lens Studio u ma tistax tuża jew torbot l-Assi ma' xi servizz, pjattaforma jew teknoloġija oħra.
b. L-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet jistgħu joħolqu Assi li ma jistgħux jitbassru u għalhekk il-kontenut maħluq jaf idejqek jew joffendik. Meta taqbel ma' dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet u tuża das-Servizzi tkun qed taqbel li taċċetta dak ir-riskju. Tkun qed taqbel u taċċetta wkoll li se tinżamm legalment responsabbli għal kif tuża, u għall-għemil kollu li twettaq, b'rabta mal-Assi maħluqa minnek fuq is-Servizz. Minbarra ċ-ċaħdiet li ssib fir-Regoli tas-Servizz ta' Snap u fir-Regoli ta' Lens Studio, Snap ma tagħtix iktar ħarsien u garanziji fejn jidħlu l-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet jew l-Assi li toħloq bihom u għalhekk Snap mhix responsabbli għal kif tuża jew għall-għemil li twettaq b'dawk l-Assi.
ċ. L-Assi li toħloq se jinżammu fuq is-Servizzi biex tkun tista' tużahom sakemm jew int jew aħna nħassruhom. Se nużaw iż-żrieragħ li tuża, il-mod kif tuża s-Servizzi biex toħloq l-Assi u l-Assi nfushom biex noħolqu u ntejbu l-algoritmi għat-tagħlim tal-magni li mbagħad se jintużaw għas-Servizzi u għar-riċerka. Int taqbel li l-liċenzja li tagħtina għall-Assi tiegħek skont ir-Regoli ta' Lens Studio għal dak li jissemma f'dit-taqsima hija għal dejjem.
d. Int tifhem u taqbel li Snap u l-imsieħba tagħna għandhom il-jeddijiet kollha marbuta mal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet, fosthom kull għodda kreattiva li naqsmu miegħek biex tkun tista' toħloq l-Assi bħal, ngħidu aħna, il-mudelli.
Fi ftit kliem: Int biss legalment responsabbli għaż-żrieragħ li tuża biex toħloq l-assi, ir-riżultati (fosthom il-mudelli 3D u l-assi) u l-kontenut ta' dawn ir-riżultati. Ma nistgħux inbassru minn qabel x'riżultat se jinħoloq u kultant ir-riżultati li tikseb jafu ma jkunux dak li kont tixtieq. M'aħniex responsabbli għar-riżultati li toħloq int u tuża l-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet u ma tista' tuża dawn ir-riżultati mkien iktar ħlief f'Lens Studio. Ir-riżultati kollha tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet jitqiesu bħala “Assi” skont it-tifsira mogħtija lill-kelma fir-Regoli ta' Lens Studio. Għalhekk jekk jogħġbok aqra r-Regoli ta' Lens Studio bir-reqqa għax fihom se ssib il-liċenzja li se tagħti lil Snap b'rabta mal-Assi tiegħek, il-limitazzjonijiet ta' x'tista' twettaq bl-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet u regoli importanti oħra li għandek tkun taf dwarhom u timxi magħhom int u tuża l-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet.
2. Limitazzjonijiet fuq il-Kontenut
Iż-żrieragħ tal-kontenut li tibgħat u kull Assi li joħorġu minn dawk il-prompts għandhom ikunu skont il-Linji Gwida tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet għall-Kontenut Mibgħut, il-Linji Gwida ta' Lens Studio għall-Kontenut Mibgħut u r-Regoli tal-Komunità u għandhom ikunu addattati għal nies minn 13-il sena 'l fuq.
3. Il-Ftehim Sħiħ
Dawn ir-Regoli tal-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet jagħtu u jfissru l-ftehim sħiħ bejnek u bejn Snap fejn jidħlu l-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet u jieħdu post kull ftehim ieħor bejnek u bejn Snap fejn jidħlu l-Għodod Ħallieqa tal-Lentijiet.