It-Termini tal-Istessu Tiegħi

Fis-seħħ minn: 29 ta’ April 2024

AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: JEKK TGĦIX FL-ISTATI UNITI JEW JEKK IL-POST PRINĊIPALI TAN-NEGOZJU TIEGĦEK HUWA BBAŻAT FL-ISTATI UNITI INT MARBUT/A BID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ SKONT IT-TERMINI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC.: ĦLIEF GĦAL ĊERTU TIP TA' TILWIM IMSEMMI FIL-KLAWŻOLA TA’ ARBITRAĠĠ, INT U SNAP INC. TAQBLU LI T-TILWIM TA' BEJNIETNA JINĠIEB U JINQATA' MINN ARBITRAĠĠ OBBLIGATORJU LI JORBOT LIT-TNEJN LI INTOM KIF IMFISSER FIT-TERMINI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC., U LI INT U SNAP INC. IĊĊEDU KULL JEDD LI TIEĦDU SEHEM F'XI AZZJONI KOLLETTIVA JEW F'ARBITRAĠĠ BĦALA GRUPP.

1. Daħla

Jekk jogħġbok aqra dawn it-termini tal-Istessu Tiegħi (it-“Termini tal-Istessu Tiegħi”) bir-reqqa. Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi huma ftehim b'rabta legali bejnek u bejn Snap u jgħoddu għal meta tuża l-Istessu Tiegħi u karatteristiċi oħrajn marbuta ma' Snapchat, bħal karatteristiċi ta' AI Snaps, Ħolm u Kamej u kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva li jużaw ir-ritratt jew ix-xebh tiegħek (flimkien magħrufa bħala il-“Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi”). Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi jinkorporaw b'referenza t-Termini tas-Servizz ta' Snap, il-Politika tal-Privatezza u kwalunkwe termini applikabbli oħra, linji gwida u politiki oħra. Jekk xi darba dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi imorru kontra xi regoli oħra, dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi għandhom jitqiesu bħala t-termini t-tajba. L-Istessu Tiegħi hija parti mis-“Servizzi” ta' Snap, skont it-tifsira mogħtija lis-Servizzi mit-Termini tas-Servizz ta' Snap.

Fi ftit kliem: Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, flimkien mat-termini u l-politiki l-oħra msemmija f'dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, huma ftehim b'ratba legali u jgħoddu għal meta tuża L-Istessu Tiegħi u l-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi.

2. Ir-Regoli Ewlenin

a. L-Istessu Tiegħi huwa punt uniku ta' servizz fejn ittella' r-ritratti tiegħek fuq Snapchat biex tħaddem il-karatteristiċi tal-IA, li jinkludu il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi. L-informazzjoni li ttella' fl-Istessu Tiegħi tintuża flimkien ma' informazzjoni oħra li nafu dwarek biex nipprovdu l-karatteristiċi tal-IA ġenerattiva, fosthom il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi li joħolqu ritratti fittizji tiegħek (jew ta' karattri li jixbhuk). L-Istessu Tiegħi se tintuża wkoll biex toħloq u ttejjeb il-mudelli tat-tagħmir tal-magni li se jintużaw għas-Servizzi u għar-riċerka. Int, Snap u l-ħbieb tiegħek fuq Snapchat tistgħu wkoll toħolqu u taqsmu l-istampi maħluqa mill-Istessu Tiegħi u f'dak il-każ int (jew karattru li jixbhek) tistgħu tidhru fi stampi maħluqa mill-ħbieb tiegħek fuq Snapchat jew minn Snapchat mingħajr ma ngħarrfuk dwar dil-ħaġa. Inti tifhem u taqbel ukoll li meta tuża L-Istessu Tiegħi, int (jew karattru li jixbhek) tistgħu tidhru wkoll f'kontenut sponsorjat u riklami personalizzati li huma viżibbli għalik biss u li se jkun fihom il-marki tad-ditta jew il-kontenut tar-riklami ta' Snap jew ta' msieħba kummerċjali oħra ta' Snap mingħajr ma jkollok kumpens għal din il-ħaġa. 

b. Meta tuża L-Istessu Tiegħi tkun qed tagħti lil Snap, lill-imsieħba tagħna, lil utenti oħra tas-Servizzi u lill-imsieħba kummerċjali tagħna liċenzja u jedd dinjija, mingħajr royalties li, għal dejjem, nistgħu, kemm għal għanijiet kummerċjali kif ukoll għal għanijiet mhux kummerċjali, nużaw, noħolqu xogħlijiet oħra minnhom u nirriklamaw, nuru, inxandru fuq pjattaformi oħra, nikkuppjaw, inxerrdu, nissinkronizzaw, inqiegħdu xi grafika jew ħsejjes fuqhom, inxandru pubblikament u nuru pubblikament l-istampi jew parti mill-istampi maħluqa dwarek (jew dwar karattri li jixbhuk) bl-informazzjoni miksuba mill-Istessu Tiegħi b'kull mezz u fuq kull xorta ta' midja jew sistemi ta' xandir, kemm mezzi li nafu bihom issa kif ukoll dawk li għadhom iridu jinħolqu.

ċ. Għalkemm ma tistax toħloq L-Istessu Tiegħi għall-kont ta' Snapchat ta' ħaddieħor, tista' taqsam Snaps bl-IA, il-Ħolm, il-Kamej u l-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi l-oħra tiegħek billi tuża L-Istessu Tiegħi, kemm fuq Snapchat kif ukoll barra l-pjattaforma ta' Snapchat. Jekk tagħżel li taqsam dal-kontenut barra l-pjattaforma ta' Snapchat, ma tistax tneħħi l-marki tal-ilma, il-metadejta u kull karatteristika jew logo oħrajn għax jekk tagħmel hekk tkun qed tikser dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi.

d. Ma tistax ittella' ritratti li mhumiex tiegħek fuq L-Istessu Tiegħi u lanqas ma tista toħloq kontenut b'għeruq foloz għax jekk tagħmel hekk tkun qed tikser dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi.

e. Jekk tikser dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, Snap tista', b'għażla tagħha biss u flimkien ma' kwalunkwe rimedju li jista' jkollna fil-liġi jew fl-ekwità, ittemm minnufih il-permess li tuża L-Istessu Tiegħi u tneħħilek il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi marbuta mal-kont ta' Snapchat tiegħek mingħajr ma tkun tafek ebda kumpens.

Fi ftit kliem: L-Istessu Tiegħi tista' tintuża biss fuq Snapchat. Jekk ittella' xi stampi fuq L-Istessu Tiegħi, tkun qed tħalli lil Snapchat u oħrajn jużaw l-istampa u x-xbieha tiegħek biex joħolqu u jxerrdu stampi maħluqa li juru lilek, bħal ngħidu aħna għal Snaps bl-IA, Ħolm, Kamej u Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi oħra li jistgħu jintużaw minn sħabek, f'riklami personalizzati li nuruk fuq Snapchat u b'mod ieħor. L-istampi ġġenerati mill-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jistgħu jitqasmu kemm fuq Snapchat kif ukoll barra l-pjattaforma ta' Snapchat. Jekk tikser dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, nistgħu nneħħulek il-jedd li tuża l-Istessu Tiegħi u l-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi.

3. Ix-Xiri u l-Ħlas

Mingħajr ma nillimitaw dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, jekk xi Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jkunu disponibbli għall-abbonati ta' Snapchat+, jew jingħataw bħala faċilità bil-ħlas fuq Snapchat, dawn—fosthom il-jeddijiet għall-ħlasijiet lura u għall-kanċellazzjoni tax-xirja li jaf ikollok (jekk ikollok)—se jaqgħu taħt it-Termini tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap. Kull kontenut diġitali jew servizz diġitali mixtri se jitqiesu “Faċilità bil-Ħlas” kif imfissra fit-Termini tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.

Fi ftit kliem: Jekk tixtri jew tuża xi Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi bil-ħlas, minbarra dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, dawn jaqgħu ukoll taħt it-Termini tal-Faċilitajiet bil-Ħlas ta' Snap.

4. Ċaħda, Deskrizzjoni u Disponibbiltà tas-Servizz; Żbalji

a. Il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi li jiġġeneraw l-istampi li jinkludu r-ritratt tiegħek jew skont ix-xbieha tiegħek jinħolqu mill-IA skont l-istampi u l-informazzjoni li tagħtina (fosthom kwalunkwe kitba, stampi u inputs oħrajn). Il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi u kwalunkwe karatteristika oħra tal-IA ġenerattiva fuq Snapchat, jistgħu joħolqu riżultati li ma jistgħux jitbassru minn qabel. 

b. Il-Karatterisitċi tal-Istessu Tiegħi u kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva oħra fuq Snapchat jistgħu jiġġeneraw kontenut li tikkunsidra mhux xieraq jew li ma taqbilx miegħu, u meta taqbel ma' dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi u tuża L-Istessu Tiegħi, il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva oħra, tkun qed tagħraf u taċċetta dak ir-riskju. Inti tkun qed tagħraf u taqbel ukoll li int responsabbli għal, u kwalunkwe azzjoni li tieħu relatata ma' kwalunkwe kontenut iġġenerat mill-IA bl-għajnuna tal-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi. Minbarra ċ-ċaħdiet imsemmija fit-Termini tas-Servizz ta' Snap, Snap ma tagħti l-ebda stqarrijiet u garanziji marbuta mal-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew karatteristiċi jew kontenut iġġenerat mill-IA ġenerattiva, u Snap mhix responsabbli għal kwalunkwe użu, jew azzjonijiet relatati mal-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew għall-karatteristiċi jew kontenut iġġenerat mill-IA ġenerattiva,

ċ. Snap ma tagħti l-ebda garanzija li L-Istessu Tiegħi, il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva oħra se jkunu dejjem disponibbli, jew f'xi ħin partikolari, jew li se nibqgħu noffruhom għal tul ta' żmien partikolari. Snap għandha l-jedd li b'mod immedjat, tista' tibdel, tikkanċella, tissospendi, twaqqaf jew ittemm L-Istessu Tiegħi, il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi, jew kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva oħra meta trid u għal liema raġuni jidhrilha hi, b'deċiżjoni tagħha, mingħajr ma tgħarraf lil ħadd qabel u mingħajr ma tkun responsabbli lejn ħadd. Barra minn hekk, għalkemm nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtu deskrizzjoni kemm jista' jkun preċiża tal-karatteristiċi, ma nagħtu l-ebda garanzija li d-dettalji tekniċi (jew kwalunkwe riżultati l-karatteristiċi jiġġeneraw) se jkunu kompluti, preċiżi, ta' min joqgħod fuqhom, aġġornati jew mingħajr żbalji.

Fi ftit kliem: Snap ma tagħti l-ebda stqarrija jew garanzija marbuta mal-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew karatteristiċi jew kontenut oħrajn tal-IA ġenerattiva, u inti responsabbli għal kif tuża l-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi. Snap mhix responsabbli għall-kontenut li jinħoloq meta tuża l-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva. Snap tista' tibdel, twaqqfa jew ittemm L-Istessu Tiegħi, il-Karatteristiċi tal-Istessu Tiegħi jew kwalunkwe karatteristika tal-IA ġenerattiva meta trid u ma tagħti l-ebda garanzija dwar id-dettalji tekniċi tal-karatteristika.

5. Bidliet f'Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi

Kull tant żmien, nafu nibdlu dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi kif imfisser f'Taqsima 14 tat-Termini tas-Servizz ta' Snap. Tista' tiddetermina meta dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi ġew reveduti billi ssib id-data tad-“Dħul fis-seħħ” fin-naħa ta' fuq. Jekk f'xi ħin ma taqbilx ma' xi biċċa minn dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi, tista' tħassar l-istampi tiegħek u tagħżel li ma tkomplix tuża L-Istessu Tiegħi mis-settings ta' Snapchat tiegħek.

Fi ftit kliem: Maż-żmien nistgħu naġġornaw dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi. Jekk isiru xi bidliet li ma taqbilx magħhom, tista' tagħżel li ma tkomplix tuża L-Istessu Tiegħi mis-settings ta' Snapchat.

6. Messaġġi mingħandna

a. Nafu nibagħtulek tagħrif elettroniku dwar L-Istessu Tiegħi u dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi fosthom tagħrif dwar karatteristiċi ġodda u bidliet oħrajn marbuta mal-Istessu Tiegħi fuq l-indirizz tal-email jew in-numru tal-mowbajl li użajt biex tiftaħ il-kont tiegħek, min-notifikazzjonijiet fl-app, bħala notifikazzjonijiet mingħand it-Tim ta' Snapchat jew b'mezzi elettroniċi oħra. Meta tuża L-Istessu Tiegħi tkun qed taqbel li tirċievi l-messaġġi elettroniċi msemmija f'dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi mingħand Snap u l-imsieħba tagħna.

b. Int taqbel li kull ftehim, kull avviż, kull informazzjoni u kull messaġġ ieħor li nibagħtulek b'mod elettroniku għandhom l-istess siwi ta' ħaġa bil-miktub li taf tkun mitluba bil-liġi.

Fi ftit kliem: Oqgħod attent/a għall-messaġġi dwar L-Istessu Tiegħi u dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi.

7. It-Termini Finali

a. Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi ma joħolqu jew jagħtu l-ebda jedd għall-persuni terzi. Aħna nżommu l-jeddijiet kollha li ma tajniekx bl-iktar mod ċar.

b. Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi nkitbu bl-Ingliż. Fejn it-traduzzjoni ta' dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi ma tkunx taqbel mal-verżjoni bl-Ingliż, il-verżjoni bl-Ingliż għandha bħala l-verżjoni t-tajba.

ċ. Sezzjoni 2 sa 6 ta' dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi se jibqgħu fis-seħħ anke jekk jiskadi jew jintemm dan il-ftehim tat-Termini tal-Istessu Tiegħi.

Fi ftit kliem: Dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi ma joħolqu l-ebda jeddijiet għal persuni terzi u xi wħud mit-termini ta' dawn it-Termini tal-Istessu Tiegħi se jibqgħu fis-seħħ anke wara li l-ftehim jiġi fi tmiemu.

8. Ikkuntattjana

Snap tilqa' kummenti, mistoqsijiet, tħassib u suġġerimenti. Tista' tibgħat l-ilmenti jew il-kummenti u l-feedback tiegħek billi tiktbilna fuq wieħed mill-indirizzi t'hawn taħt:

  • Jekk tgħix fl-Istati Uniti, l-indirizz tal-posta tagħna huwa 3000 31st St., Santa Monica, CA 90405.

  • Jekk tgħix f'pajjiż tar-reġjuni tal-Asja u l-Paċifiku, l-indirizz tal-posta tagħna huwa Singapore; Marina One West Tower, 018937, Singapore b'UEN ta' T20FC0031F.

  • Jekk tgħix f'xi pajjiż ieħor barra l-Istati Uniti jew ir-reġjuni tal-Asja u l-Paċifiku, l-indirizz tal-posta tagħna huwa: Snap Group Limited, kumpanija rreġistrata l-Ingilterra fl-indirizz 50 Cowcross Street, Floor 2, Londra, EC1M 6AL, ir-Renju Unit. In-numru tal-kumpanija huwa 09763672. Ir-rappreżentant awtorizzat: Ronan Harris, Direttur. Numru tal-VAT: GB 237218316.

L-Appoġġ għall-Istessu Tiegħi

Għall-mistoqsijiet ġenerali: It-Tim tal-Appoġġ ta' Snapchat

Dejjem nieħdu gost nisimgħu mingħand l-utenti tagħna. Biss tajjeb li żżomm f'moħħok li jekk tagħtina xi feedback jew suġġerimenti, aħna nistgħu nużaw l-ideat tiegħek mingħajr ma nagħtuk kumpens.