Snap Spotlight Submission and Revenue Terms

Fis-seħħ minn: 1 ta’ Awwissu 2023

ARBITRATION NOTICE: THESE TERMS CONTAIN AN ARBITRATION CLAUSE A LITTLE LATER ON.

  • IF YOU LIVE IN THE UNITED STATES OR IF YOU ARE USING THE SERVICES ON BEHALF OF A BUSINESS WITH ITS PRINCIPAL PLACE OF BUSINESS LOCATED IN THE UNITED STATES: EXCEPT FOR CERTAIN TYPES OF DISPUTES MENTIONED IN THE ARBITRATION CLAUSE OF THE SNAP INC. TERMS OF SERVICE, YOU AND SNAP INC. AGREE THAT DISPUTES BETWEEN US WILL BE RESOLVED BY MANDATORY BINDING ARBITRATION CLAUSE IN THE SNAP INC. TERMS OF SERVICE, AND YOU AND SNAP INC. WAIVE ANY RIGHT TO PARTICIPATE IN A CLASS-ACTION LAWSUIT OR CLASS-WIDE ARBITRATION. YOU HAVE THE RIGHT TO OPT OUT ARBITRATION AS EXPLAINED IN THAT CLAUSE.

  • IF YOU ARE USING THE SERVICES ON BEHALF OF A BUSINESS WITH ITS PRINCIPAL PLACE OF BUSINESS LOCATED OUTSIDE OF THE UNITED STATES: YOU AND SNAP GROUP LIMITED AGREE THAT DISPUTES BETWEEN US WILL BE RESOLVED BY THE BINDING ARBITRATION CLAUSE IN THE SNAP GROUP LIMITED TERMS OF SERVICE.

1. Daħla

Merħba fi Spotlight, pjattaforma tad-divertiment fuq Snapchat għall-kontenut maħluq mill-utenti li tiġbor fiha wħud mill-aqwa Snaps tal-komunità ta' Snapchat. Spotlight hija “Servizz” skont it-tifsira mogħtija lilu mir-Regoli tas-Servizz li, flimkien mal-Linji Gwida tal-Komunità, il-Linji Gwida u l-Mistoqsijiet Komuni ta' Spotlight, il-Linji Gwida għall-Mużika fuq Snapchat u kull regola oħra li s-Servizz jaqa' taħtha, jagħmlu parti minn dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap (ir-“Regoli ta' Spotlight”). Jekk jogħġbok aqra wkoll il-Politika tal-Privatezza tagħna biex tifhem kif nipproċessaw l-informazzjoni meta tuża s-Servizzi. Jekk jogħġbok aqra dawn ir-Regoli ta' Spotlight bir-reqqa. Dawn ir-Regoli ta' Spotlight huma ftehim b'rabta legali bejnek (jew l-għaqda tiegħek) u Snap Inc. (jekk tgħix ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka jew qed tuża s-Servizz f'isem negozju bbażat ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka) jew Snap Group Limited (jekk tgħix jew qed tuża s-Servizzi f'isem negozju bbażat barra mill-Istati Uniti tal-Amerka). Jekk qatt ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap ma jaqblux ma' xi regoli tas-Servizz oħra, dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap se jitqiesu r-regoli t-tajba għal meta tuża Spotlight. Kull kelma li tibda b'ittra kbira li ma ngħatatx tifsira apposta fir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap għandha t-tifsira mogħtija lilha fir-regoli tas-Servizz fis-seħħ. Jekk jogħġbok stampa kopja ta' dawn ir-Regoli ta' Spotlight u żommhom biex tkunlek eħfef issibhom fil-ġejjieni.

KIF NISPJEGAW F'IKTAR DETTALL HAWN TAĦT, JEKK IL-KONT TA' SNAPCHAT TIEGĦEK, L-ISNAPS LI TIBGĦAT GĦAL SPOTLIGHT U L-KONT TAĦLAS TIEGĦEK (SE SSIB IT-TIFSIRA TIEGĦU HAWN TAĦT) IKOLLHOM IL-KRITERJI TAL-ELIĠIBBILTÀ KOLLHA MEĦTIEĠA, AĦNA NISTGĦU NĦALLSUK GĦAS-SERVIZZI TIEGĦEK MARBUTA MAL-GĦEMIL LI TAGĦMEL FUQ SPOTLIGHT. IL-PERĊENTWALI TA' ĦALLIEQA LI JIBAGĦTU L-ISNAPS LIL SPOTLIGHT U JITĦALLSU TAGĦHOM HIJA ŻGĦIRA.

2. Rekwiżiti u Jeddijiet għall-Kontenut li Tibgħat għal Spotlight

Kull utent eliġibbli ta' Snapchat jista' jibgħat il-kontenut (magħruf bħalaSnaps”) lil Spotlight (kull utent li jibgħat Snap lil Spotlight se jissejjaħ “Fornitur ta' Servizz” jew “Ħallieq”). Kull Snap li tibgħat lil Spotlight hija “Kontenut Pubbliku” skont it-tifsira mogħtija lil dik il-kelma f'Artiklu numru 3 tar-Regoli tas-Servizz ta' Snap Inc. jew Artiklu numru 3 tar-Regoli tas-Servizz ta' Snap Group Limited (skont liema minnhom jgħoddu għall-każ tiegħek skont il-post fejn toqgħod jew, jekk qed tuża s-Servizzi f'isem negozju, fejn jinsab ibbażat dak in-negozju).

Billi l-iSnaps huma Kontenut Pubbliku, għal kull Snap li tibgħat lil Spotlight, fost l-obbligi li jista' jkollok, (i) għall-kontenut kollu li jkun hemm fl-iSnaps tiegħek għandek ikollok il-jeddijiet meħtieġa kollha mingħand persuni naturali jew legali oħra fosthom il-jeddijiet tal-awtur għall-mużika u l-jeddijiet tal-personalità, (ii) meta toħloq, ittella', tippubblika, tibgħat jew tidher f'xi Kontenut Pubbliku, int tagħti lil Snap u lill-imsieħba privati u kummerċjali tagħna l-liċenzja u l-jedd dinji mingħajr ebda limitu jew royalties li nużaw ismek, dehritek u leħnek sakemm dawn il-jeddijiet idumu fis-seħħ, fosthom dawk b'rabta ma' kontenut kummerċjali jew sponsorjat, (iii) billi tagħtina l-jedd li naqsmu l-jeddijiet tagħna ma' ħaddieħor fejn jidħol il-kontenut tiegħek b'mod li l-kontenut ikun jista' jintuża biex jinħoloq kontenut ieħor minnu, qed tagħti lilna u lil utenti oħra tas-Servizzi l-jedd li, mingħajr royalties, nikkuppjaw, nibdlu u nissinkronizzaw b'mod ieħor, inxandru u nuru pubblikament jew nużaw u nqassmu b'xi mod ieħor kull kontenut tiegħek (fosthom il-ħoss u l-vidjo tal-iSnap tiegħek) biex noħolqu kontenut ġdid fosthom Snaps u Kontenut Pubbliku ġodda, u (iv) minbarra l-potenzjal li titħallas bħala Ħallieq skont dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap, mhu se jkollok jedd għall-ebda kumpens mingħand Snap, l-imsieħba privati jew kummerċjali tagħna u skont il-każ, utenti oħra jekk il-kontenut, il-ħoss, il-kompożizzjonijiet jew ismek, dehritek jew leħnek jintużaw mis-Servizz fl-app ta' Snapchat jew fuq xi pjattaforma ta' xi waħda mill-imsieħba kummerċjali tagħna.

Il-Ħallieqa għandhom jobdu rawn ir-Regoli ta' Spotlight u l-ebda Snap mibgħuta lil Spotlight ma tista' tikser dawn ir-regoli. Il-Ħallieqa u l-iSnaps jistgħu jiġu spezzjonati skont l-algoritmi tal-għarbiel u l-proċeduri tar-reviżjonijiet ta' Snap biex niċċekkjaw hux jimxu ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight. Il-Ħallieqa u l-iSnaps li jiksru dawn ir-regoli jistgħu ma jintwerewx iktar u jistgħu wkoll ma jitħallewx jiksbu Ħlasijiet.

L-iSnaps ta' Spotlight se jintwerew skont il-proċeduri u l-algoritmu għax-xandir tal-kontenut ta' Snap. Biex inżommu l-kwalità ta' Spotlight, skont il-kriterji tal-kisbiet tal-kontenut fuq l-app ta' Snapchat, nistgħu wkoll nillimitaw l-għadd ta' Snaps li l-Ħallieqa jistgħu jibagħtu fuq medda ta' żmien u jekk taqbeż il-limitu se navżawk dwar din il-ħaġa meta tipprova tibgħat xi ħaġa lil Spotlight.

3. Eliġibbiltà għall-Ħlasijiet ta' Spotlight

Biex inħeġġuk u nħajruk tagħti s-servizz li toħloq u tippubblika l-iSnaps tiegħek fuq Spotlight, jekk ikollok ir-rekwiżiti meħtieġa minn dawn ir-Regoli ta' Spotlight, nixtiequ nħallsuk għas-servizzi tiegħek. Il-erċentwali ta' Ħallieqa li se jibagħtu Snaps fuq Spotlight u jitħallsu tagħhom hija żgħira. L-iSnaps li bgħatt fuq Spotlight qabel qbilt ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight mhux se jkunu eliġibbli għall-ħlasijiet. L-utenti ta' għadd limitat ta' pajjiżi msemmija fil-Linji Gwida u Mistoqsijiet Komuni ta' Spotlight (“Pajjiżi Eliġibbli”) biss jistgħu jitħallsu. Snap tista' żżid u tneħħi l-pajjiżi mil-lista ta' Pajjiżi Eliġibbli meta jidhrilha hi. Il-ħlasijiet jistgħu jingħataw jew minn Snap jew minn parti mid-dħul li nagħmlu mir-riklami murija fuq Spotlight dakinhar, jekk ikun hemm dan ix-xorta ta' dħul (il-ħlas tagħna lilek, kif jista' jinbidel hawn taħt, il-“Ħlas għas-Servizz” jew il-“Ħlas).

Biex tkun eliġibbli għal Ħlas jeħtieġlek (i) tibgħat Snaps Addattati, (ii) tkun Ħallieq Eliġibbli u (iii) jkollok ir-Rekwiżiti għall-Eliġibbiltà għal Kont tal-Ħlas kollha, kif imfisser hawn taħt.

  • Snaps Addattati. Biex l-iSnaps li tkun bgħatt lil Spotlight fiż-Żmien Imxieraq jitqiesu “Snaps Addattati”: (i) għandhom ikunu marru tajjeb biżżejjed fuq Spotlight waqt iż-Żmien Imxieraq u dan ifisser li skont il-formola tagħna, ikunu ntwerew mill-inqas 1,000 darba lil utenti uniċi (l-“Għatba tal-Wiri”); (ii) għandek tkun bgħatt mill-inqas 10 Snaps uniċi f'10 ijiem differenti u (iii) mill-inqas 5 mill-iSnaps li tkun bgħatt għandhom ikunu użaw l-Għodod Kreattivi ta' Snapchat (eż. Lentijiet, Filtri, Ħsejjes). “Żmien Imxieraq” tfisser ix-xahar ta' qabel, skont iż-żona tal-ħin PT.

  • Ħallieqa Eliġibbli. Biex titqies bħala “Ħallieq Eliġibbli” jeħtieġ li jkollok dawn il-kriterji kollha matul iż-Żmien Imxieraq: (i) jeħtieġlek tkun residenti legali ta' Pajjiż Eliġibbli, (ii) il-profil tiegħek jeħtieġ li jkun Pubbliku, (iii) il-kont ta' Snapchat tiegħek jeħtieġ li jkun ilu li nfetaħ mill-inqas xahar u (iv) jeħtieġ li jkollok mill-inqas 1,000 kont qed isegwuk.

  • Eliġibbiltà għal Kont tal-Ħlas. Biex tkun tista' tirċievi l-Ħlasijiet jeħtieġ li jkollok ir-Rekwiiti għall-Eliġibbiltà għal Kont tal-Ħlas (imfissra hawn taħt).

Jekk tibgħat Snaps Addattati u jkollok il-kriterji kollha biex tkun Ħallieq Eliġibbli fiż-Żmien Imxieraq, sakemm ikollok ir-Rekwiżiti għal Kont tal-Ħlas (imfissra hawn taħt) u timxi ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight, se tkun eliġibbli biex titħallas għas-servizzi li tagħti b'rabta mal-iSnaps Addattati tiegħek (“Għemil Eliġibbli”).

  • Il-ħlasijiet se jsiru skont il-formola tal-ħlasijiet tagħna li minn żmien għal żmien tista' tinbidel u li hija msejsa fuq għadd ta' fatturi li fosthom jista' jkun hemm l-għadd ta' utenti uniċi li raw il-vidjos tal-iSnaps Addattati tiegħek, kemm inqisu li l-iSnaps Addattati tiegħek ikunu ntgħoġbu u żammew l-utenti interessati fihom meta mqabbla ma' Snaps oħra fuq Spotlight u minn fejn ikunu ntbagħtu l-iSnaps Addattati jew fejn ikunu bbażati l-utenti li jkunu raw l-iSnaps Addattati tiegħek matul iż-Żmien Imxieraq.

  • Jekk tilħaqx l-Għatba tal-Wiri jew le u s-somma tal-Ħlas li jaf tkun eliġibbli tirċievi jistgħu jiddependu wkoll mill-proċeduri u l-algoritmi għas-suġġerimenti u l-għarbiel tal-kotenut tagħna li jistgħu jagħtu prijorità lil xi kontenut partikolari skont għadd ta' fatturi fosthom l-għadd ta' drabi li vidjo ta' Snap ikun intwera u ġie mmarkat bħala favorit, l-għadd ta' utenti li jaraw il-kontenut tiegħek ta' kuljum, il-ħin li l-utenti jkunu qattgħu fuq il-kontenut tiegħek, il-post fejn tinsab u l-istat tal-kont tiegħek, kif ikun mar il-kontenut tiegħek fl-imħgoddi, jekk il-kontenut tiegħek jużaw teknoloġiji ta' Snap (eż.: il-Kamera, il-Lentijiet, il-Filtri, il-Ħsejjes, eċċ. ta' Snapchat), jekk il-kontenut tiegħek ikunx marbut ma' xi xejriet jew suġġetti li nistgħu nippubblikaw minn mien għal żmien fuq il-paġna Popolari tal-app ta' Snapchat jew fil-paġna Pariri u Suġġerimenti għal Spotlight u jekk il-kontenut u l-kont tiegħek jimxux mar-Regoli ta' Spotlight (fosthom il-Linji Gwida kollha msemmija f'dawn ir-Regoli).

Is-sistemi tagħna jkejlu l-Għemil Eliġibbli bl-użu ta' “Kristalli” li huma l-unità tal-kejl li nużaw biex inkejlu u nżommu kont tal-Għemil Eliġibbli tiegħek f'medda ta' żmien partikolari.

  • L-għadd ta' Kristalli li nagħtuk għal kull Għemil Eliġibbli jaf jinbidel skont il-kriterji u l-formoli tal-kumpanija tagħna. Minn żmien għal żmien nistgħu nibdlu dawk il-formoli u l-kriterji minn jeddna. Tista' żżur il-paġna Il-Profil Tiegħi (“Profil”) biex issib l-istima tal-għadd ta' Kristalli li tajniek għall-Għemil Eliġibbli tiegħek. Jekk jogħġbok żomm f'moħħok li n-numri kollha li ssib fil-Profil tiegħek huma biss stima maħduma għal skopijiet ta' kontabbiltà tal-kumpanija tagħna. Il-Kristalli huma biss għodda għat-tkejjil użata mill-kumpanija tagħna biex inżommu kont tal-Għemil Eliġibbli u biex inkejlu l-popolarità tal-kontenut tiegħek. Nixtiequ niċċaraw li l-Kristilli mhux maħsuba biex jagħtu jew iwasslu għal jeddijiet jew joħolqu xi obbligi, mhumiex forma ta' propjetà, ma jistgħux jingħaddew jew jingħataw lil ħaddieħor u ma jistgħux jinxtraw jew jinbiegħu jew jitpartu.

  • Is-somom tal-ħlas għall-Ħallieqa eliġibbli se jinħadmu skont l-aħħar numru ta' Kristalli li jkollna fis-sistema għall-Għemil Eliġibbli ta' dak il-Ħallieq matul firxa ta' żmien partikolari, skont il-formola għall-ħlasijiet tagħna li tista' minn żmien għal żmien tinbidel.

  • Aħna u nqisu x'jista' jitqies bħala Għemil Eliġibbli, nistgħu nagħżlu li nħallu barra dak li nsejħu “Għemil Qarrieqi”, dak l-għemil li bil-qerq iżid l-għadd ta' drabi li kontenut ikun infetaħ, l-għadd ta' segwaċi jew xi kejl ieħor marbut mal-popolarità, l-interess u l-għadd ta' nies li jkunu raw il-kontenut tal-iSnaps jew il-Kont tiegħek. Snap se tagħżel x'inhu Għemil Qarrieqi minn jeddha. Fost l-Għemil Qarrieqi hemm (i) spam, tiftixiet, ftuħ tal-kontenut, favoriti jew segwaċi artifiċjali maħluqa minn persuni, bots, programmi awtomatiċi jew tagħmir ieħor li jwettaq dan ix-xorta ta' għemil. Fost dan l-għemil inqisu klikks jew ftuħ ta' kontenut mill-mowbajl tiegħek, minn mowbajls li tikkontrolla int jew minn mowbajls b'kontijiet ġodda jew suspettużi; (ii) il-ftuħ ta' kontenut, iż-żieda mal-favoriti jew segwaċi miksuba bi ħlas ta' flus jew xi forma ta' kumpens ieħor lil persuni naturali jew persuni legali oħra, jew l-offerta ta' tpartit ta' ftuħ ta' Snaps; (iii) il-ftuħ tal-kotenut, iż-żieda mal-favoriti jew segwaċi miksuba b'għemil li 'xi mod imur kontra r-regoli tas-Servizz u (iv) klikks, ftuħ tal-kontenut, żieda mal-favoriti jew segwaċi marbuta b'xi mod ma' xi għemil imsemmi f'(i), (ii), (iii) jew (iv) hawn fuq. Jekk insibu li wettaqt xi Għemil Qarrieqi, nistgħu nillimitaw jew nissospendu x-xandir tal-iSnaps tiegħek fuq Spotlight u jaf ma tibqax eliġibbli għall-Ħlasijiet.

4. Eliġibbiltà għal Kont tal-Ħlas

Biex tkun tista' titħallas mingħand Snap jeħtieġ li jkollok dawn ir-rekwiżiti kollha li ġejjin (“Rekwiżiti għall-Eliġibbiltà għal Kont tal-Ħlas”):

  • Jekk int persuna privat, jeħtieġlek li tkun toqgħod legalment f'Pajjiż Eliġibbli u li tkun bgħatt l-iSnaps Addattati meta tkun f'dak il-Pajjiż Eliġibbli.

  • Ma tistax tkun għadek taħt l-età fil-ġurisdizzjonijiet tiegħek jew jeħtieġlek tkun għalaqt is-16-il sena u ksibt il-permess(i) meħtieġa skont il-proċeduri tagħna mingħand ġenitur jew gwardjan legali tiegħek.

  • Jeħtieġlek tagħtina dettalji kompluti u eżatti fosthom l-isem u l-kunjom uffiċjali, id-data tat-twelid, l-indirizz tal-email u n-numru tal-mowbajl tiegħek u l-istat u l-pajjiż fejn toqgħod. (“Dettalji tal-Kuntatt”).

  • Int (jew il-ġenitur/gwardjan(i) legali jew il-persuna legali tiegħek, skont il-każ) jeħtieġlek toħloq u tlesti kull ħaġa meħtieġa għal kont tal-ħlas mal-pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizzata minn u msieħba ma' Snap (“Kont tal-Ħlas”). Il-Kont tal-Ħlas tiegħek għandu jkun ibbażat fl-istess Pajjiż Eliġibbli tiegħek.

  • Għandna l-jedd li f'isimna, f'isem l-imsieħba tagħna u f'isem il-pjattaforma tal-ħlasijiet imsieħba magħna, neħtiġuk tivverifika d-Dettalji tal-Kuntatt (imfissra hawn taħt) li tkun tajtna, kif ukoll jekk int taħt l-età, l-identità tal-ġenitur/gwardjan legali u l-permess jkun tak qabel tkun tista' titħallas skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight.

  • Jekk tajtna permess ngħaddu l-Ħlasijiet tiegħek lill-persuna legali tiegħek skont il-proċeduri tagħna u tal-pjattaforma tal-ħlasijiet imsieħba magħna u awtorizzata minna, il-persuna legali jeħtieġ li tkun inħolqot, ibbażata jew li jkollha uffiċċju fil-Pajjiż Eliġibbli tiegħek.

  • Id-dettalji tal-kuntatt u l-informazzjoni meħtieġa l-oħra li tajt lil Snap u lill-pjattaforma tal-ħlasijiet imsieħba magħna u awtorizzata minna għandhom ikunu eżatti biex jekk tkun eliġibbli għal Ħlas, Snap jew il-pjattaforma tal-ħlasijiet tagħha tkun tista' tikkuntattjak u tħallsek (jew lill-ġenitur(i)/gwardjan(i) legali jew lill-persuna legali tiegħek, jekk ikun il-każ).

  • Il-Kont ta' Snapchat u l-Kont tal-Ħlas għandhom ikunu attivi, wettqu l-obbligi tagħhom kollha (skont ma mitlub minna u mill-pjattaforma tal-ħlas imsieħba magħna) u qed jimxu ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight.

  • Mhux se tkun eliġibbli li tikseb, u lanqas se nħallsuk, xi Ħlasijiet jekk int (jew il-ġenitur(i)/gwardjan(i) legali jew il-persuna legali tiegħek, skont il-każ) ma tgħaddux mill-proċeduri biex aħna jew il-pjattaforma tal-ħlasijiet imsieħba magħna nikkonfermaw li ma nkunu qed niksru l-ebda liġi meta naħdmu miegħek. Daw il-proċeduri jitwettqu ta' sikwit u fost tfittixijiet oħra, jistgħu jiġbru fihom tiftixa biex niċċekkjaw tissemmiex fuq xi lista ta' persuni naturali jew persuni legali b'restrizzjonijiet imposti fuqhom minn xi awtorità tal-gvern fosthom il-U.S. Specially Designated Nationals List u l-Foreign Sanctions Evaders List. Minbarra li se jintużaw kif spjegat f'dawn ir-Regoli ta' Spotlight, id-dettalji li tagħtina jistgħu jinqasmu ma' persuni oħra biex nivverifikaw l-identità tiegħek, niċċekkjaw li ma nkunux qed niksru ebda liġi meta naħdmu miegħek u biex inwettqu l-proċess tal-ħlas.

  • Mhux se tkun eliġibbli għall-Ħlasijiet jekk int (i) ħaddiem/a, uffiċjal jew direttur/direttriċi ta' Snap jew il-kumpanija ta' fuqha, il-kumpaniji ta' taħtha jew il-kumpaniji msieħba magħha, (ii) entità, sussidjarja jew imsieħeb/imsieħba ta' entità tal-gvern jew membru ta' xi familja rjali jew (iii) bgħatt l-iSnaps fuq Spotlight minn Kont tan-Negozju.

  • Jekk tqabbadt minn jew f'isem Snap viex tagħmel xi xogħol li ma jaqax taħt dawn ir-Regoli ta' Spotlight ħalli tipprova jew toħloq kontenut apposta għal Spotlight, mhux se tkun eliġibbli għal Ħlas għall-kontenut li ħloqt int u tagħmel dak ix-xogħol.

5. Avviż u Proċess tal-Ħlas

Jekk insibu li wettaqt Għemil Eliġibbli, aħna se navżawk li int eliġibbli billi nibagħtulek stedina bl-app ta' Snapchat.

Jekk timxi ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight, allura safejn tħallik tagħmel hekk il-liġi, int (jew il-ġenitur(i)/gwardjan(i) legali jew il-persuna legali tiegħek, skont il-każ) se tkun tista' titlob Ħlas billi tagħmel dik l-għażla mill-Profil tiegħek. Biex tkun tista' tressaq talba għal Ħlas, l-ewwel jeħtieġ li nkunu għarafnielek u tajniek mill-inqas biżżejjed Kristalli biex taqbeż l-għatba tal-Ħlas ta' mill-inqas $100 USD (“Għatba tal-Ħlas”).

JEKK JOGĦĠBOK ŻOMM F'MOĦĦOK: JEKK INT ĦALLIEQ ELIĠIBBLI U (A) GĦADNA MA GĦARAFNIELEKX U TAJNIKX KRISTALLI GĦALL-GĦEMIL ELIĠIBBLI TIEGĦEK GĦAL SENA JEW (B) MA RESSAQTX KIF SUPPOST TALBA GĦALL-ĦLAS SKONT IL-PARAGRAFU TA' QABEL GĦAL SENTEJN, FL-AĦĦAR TAL-MEDDA TAŻ-ŻMIEN IMSEMMIJA SE NIBAGĦTULEK ĦLAS FIL-KONT TAL-ĦLAS TIEGĦEK SKONT IS-SOMMA MARBUTA MAL-KRISTALLI LI GĦARAFNA U TAJNA GĦALL-GĦEMIL ELIĠIBBLI TIEGĦEK SA TMIEM DAK IŻ-ŻMIEN, SAKEMM : (I) TKUN ILĦAQT L-GĦATBA TAL-ĦLAS, (II) TKUN ĦLOQT KONT TAL-ĦLAS, (III) TKUN TAJTNA D-DETTALJI TAL-KUNTATT U D-DETTALJI L-OĦRA KOLLHA MEĦTIEĠA BIEX INĦALLSUK, (IV) GĦADNA MA ĦALLASNIEKX GĦALL-KRISTALLI LI GĦARAFNIELEK U TAJNIEK GĦAL DAK L-GĦEMIL ELIĠIBBLI, (V) IL-KONT TA' SNAPCHAT U L-KONT TAL-ĦLAS TIEGĦEK WETTQU L-OBBLIGI TAGĦHOM KOLLHA U (VI) MHUX QED TIKSER DAWN IR-REGOLI TA' SPOTLIGHT U R-REGOLI U L-PROĊEDURI TAL-PJATTAFORMA TAL-ĦLASIJIET IMSIEĦBA MAGĦNA. BISS, JEKK FI TMIEM DAŻ-ŻMIEN MA JKOLLOKX IR-REKWIŻITI KOLLHA MEĦTIEĠA, MHUX SE TKUN ELIĠIBBLI BIEX TITĦALLAS GĦALL-GĦEMIL ELIĠIBBLI.

Il-ħlasijiet jistgħu jintbagħtulek minn waħda minn xi kumpanija li taqa' taħt Snap, entità msieħba ma' Snap jew xi pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizzata minn u msieħba ma' Snap li tista' tibgħat il-ħlasijiet skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight. Snap mhix se tkun responsabbli jekk iddum biex tibgħat, ma tibgħatx jew ma tkunx tista' tibgħat il-Ħlasijiet lill-Kont tal-Ħlas tiegħek jekk ir-raġuni tkun barra mill-kontroll ta' Snap. Fost dawn ir-raġunijiet hemm in-nuqqas tiegħek li timxi ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight jew ir-regoli tal-Kont tal-Ħlas tiegħek. Snap mhix se tkun responsabbli jekk, għal xi raġuni barra mis-setgħa ta' Snap, xi ħadd ieħor li mhux int (jew il-ġenitur(i)/gwardjan(i) legali jew il-persuna legali tiegħek, skont il-każ) jitlob Ħlas għall-Kristalli li għarafnielek u tajniek għall-Għemil Eliġibbli fuq il-Kont ta' Snapchat tiegħek jew jekk tibgħat xi Ħlasijiet lill-Kont tal-Ħlas tiegħek. Jekk tajt permess lil Snap tibgħat il-Ħlasijiet lil persuna legali skont il-proċeduri tagħna u tal-pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizzata msieħba magħna, int tifhem u taqbel li Snap, sakemm timxi ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight, tista' tibgħat is-somom kollha li għandha tħallsek skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight lil dik il-persuna legali. Il-Ħlasijiet se jintbagħtu f'dollari Amerikani imma, kif fissirna fil-Linji Gwida u l-Mistoqsijiet Komuni ta' Spotlight, sakemm tħallas it-tariffi tal-kambju u tat-tranżazzjoni u timxi mar-regoli tal-pjattaforma għall-ħlasijiet imsieħba magħna, int tista' tagħżel li tiġbed il-flus mill-Kont tal-Ħlas tiegħek fil-munita tal-post tiegħek. Kull somma tal-Ħlas murija fl-app ta' Snapchat hija biss stima u tista' tinbidel. Is-somom aħħarin tal-Ħlasijiet se jintwerew fil-Kont tal-Ħlasijiet tiegħek.

Minbarra l-jeddijiet u l-għemil ta' tiswija l-ieħor li għandna jedd għalih, fejn nistgħu nagħmlu hekk u sakemm nistgħu nagħmlu hekk bil-liġi, nistgħu nżommu, nibbilanċjaw, nibdlu jew naqtgħu xi wħud mill-Ħlasijiet li għandna nibagħtulek skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight mingħajr ma nwissuk jew ngħarrfuk minn qabel. Dan iseħħ jekk nissuspettaw Għemil Qarrieqi, li ksirt dawn ir-Regoli ta' Spotlight jew li bgħatnielek Ħlasijiet żejda bi żball jew biex nagħmlu tajjeb għal tariffi oħra li tafna skont xi ftehim ieħor.

Int tagħti garanzija li l-informazzjoni kollha li tagħti lilna, lill-kumpaniji ta' taħtna, lill-imsieħba tagħna jew lill-pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizzata hija vera u eżatta u li dejjem se żżomm din l-informazzjoni eżatta.

6. Taxxi

Int taqbel u tagħraf li int biss responsabbli għat-taxxi, għas-sisi u għat-tariffi l-oħra marbuta ma' kull Ħlas li tirċievi b'rabta mas-Servizz. Kull Ħlas mibgħut jiġbor fih it-taxxi tal-bejgħ, tal-użu, tas-sisa, tal-valur miżjud, tal-oġġetti u s-servizzi jew taxxi oħra bħalhom li obbligati nagħtuk. Jekk, skont il-liġi fis-seħħ, obbligati nnaqsu jew iżomm xi taxxi mill-Ħlasijiet li nibagħtulek, allura Snap, l-imsieħba tagħha jew il-pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizzata tagħha jistgħu jnaqqsu dawn it-taxxi mis-somma li obbligati jħallsuk u jħallsu dawn it-taxxi lill-awtorità tat-taxxa x-xierqa skont ma titlob il-liġi. Int taqbel u tifhem li l-ħlas lilek bit-tnaqqis jew il-flus miżmuma msemmija huwa l-ħlas a saldu tas-somma li għandna nħallsuk skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight. Int se tagħti lil Snap, il-kumpaniji ta' taħtha, l-imsieħba tagħha u kull pjattaforma tal-ħlasijiet awtorizza kull formola, dokument u ċertifikat mitlub minnhom biex tgħinhom iwettqu kull obbligu marbut mad-denunzji jew iż-żamma tat-taxxa għall-Ħlasijiet li jaqgħu taħt dawn ir-Regoli ta' Spotlight.

7. Riklami fuq Spotlight

Spotlight tista' turi r-riklami. Int taqbel li qed tqabbad lilna u lill-imsieħba tagħna, mingħajr ħlas min-naħa tiegħek, biex inxandru r-riklami kif jidhrilna aħna fuq is-Servizz ta' Spotlight. Int taqbel li tgħinna nxandru dawn ir-riklami billi taqbel ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight, timxi mal-Linji Gwida tal-Linji Gwida u l-Mistoqsijiet Komuni ta' Spotlight u tkompli tagħti aċċess lil Snap għall-iSnaps kollha li tibgħat lil Spotlight skont dawn ir-Regoli ta' Spotlight. Aħna se nagħżlu minn jeddna kull ħaġa marbuta mar-riklami mxandra fuq is-Servizz Spotlight, jekk jixxandru, fosthom ix-xorti ta' riklami, il-format u kemm jixxandru ta' sikwit ir-riklami marbuta mal-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight. Għanda wkoll il-jedd li minn nagħżlu, tkun xi tkun ir-raġuni, li ma nurux riklami fuq, matul jew ħdejn l-iSnaps tiegħek fuq Spotlight.

8. L-Istqarrijiet u l-Garanziji Tiegħek

Int tistqarr u tagħti garanzija li: (i) m'għadekx taħt l-età fil-ġurisdizzjoni tal-post fejn int residenti (jekk persuna privata) u li għandek il-jeddijiet, is-setgħa u l-awtorità kollha li tidħol fil-ftehim ta' dawn ir-Regoli ta' Spotlight f'ismek u f'isem kull entità li qed taħdem f'isimha jew li għandek il-permess tal-ġenitur/gwardjan legali kif meħtieġ fil-pajjiż tar-residenza tiegħek li taqbel ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight; (ii) għandek il-jeddijiet meħtieġa kollha mingħand persuni oħra marbuta ma' isimhom, dehrithom u leħinhom, għall-wiri ta' persuni oħra fis-Snaps tiegħek u l-permessi meħtieġa kollha mingħand il-ġenitur(i) jew il-gwardjan(i) legali biex turi persuni taħt l-età ta' tmintax-il (18) sena jew li għadhom taħt l-età fil-ġurisdizzjoni tagħhom, (iii) qrajt, fhimt u taqbel li timxi ma' dawn ir-Regoli ta' Spotlight kollha fosthom ir-Regoli tas-Servizz, il-Politika tal-Privatezza, il-Linji Gwida tal-Komunità, il-Linji Gwida tal-Mużika fuq Snapchat u t-taqsima tal-Linji Gwida tal-Linji Gwida u l-Mistoqsijiet Komuni ta' Spotlight; (iv) l-iSnaps li tibgħat lil Spotlight inħolqu minnek biss, li ma jiksrux, ma jużawx u ma jnaqqsux mill-jeddijiet ta' persuni naturali u persuni naturali oħra fosthom il-jeddijiet tal-awtur (fosthom il-jeddijiet tal-awtur għall-kompożizzjoni tal-mużika, għall-użu tal-mużika f'kontenut ieħor u għall-użu tal-mużika f'xandiriet pubbliċi), il-marka kummerċjali, il-jedd tal-personalità, il-jedd tal-privatezza u kull jedd ieħor fis-seħħ u li ma qed tikser l-ebda liġi fis-seħħ; (v) se tħallas il-ħlasijiet li jeħtieġlek tagħmel lil persuni naturali jew persuni legali oħra għall-iSnaps tiegħek u mhux se twassal biex tinżamm responsabbli minn xi ħadd ieħor talli xandret il-kontenut tiegħek; u (vi) jekk int resident legali ta' pajjiż li mhux l-Istati Uniti tal-Amerka, li tkun barra l-Istati Uniti tal-Amerka meta toħloq u tippubblika l-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight u li tgħin biex jixxandru r-riklami marbuta mal-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight.

9. Kunfidenzjalità

Int taqbel li kull informazzjoni li mhux pubblika li tagħtik Snap hija kunfidenzjali u li, sakemm ma jkollok permess ċar bil-miktub minn qabel mingħajr Snap, mhu se taqsam dik l-informazzjoni ma' ħadd iktar.

10. Privatezza

Dan l-artiklu jżid mal-informazzjoni li nagħtu fil-Politika tal-Privatezza u ċ-Ċentru tal-Privatezza tagħna.

  • L-iSnaps fuq Spotlight huma pubbliċi. Int tifhem li l-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight huma Kontenut Pubbliku u jistgħu jintwerew lill-utenti ta' Snapchat kollha u lill-utenti li m'għandhomx kont ta' Snapchat fuq servizzi u siti oħra.

  • L-iSnaps fuq Spotlight jistgħu jintużaw minn ħaddieħor. Dan ifisser li l-utenti ta' Snapchat jistgħu jużaw l-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight (fosthom il-ħoss u l-vidjo) biex joħolqu Snaps jew Kontenut Pubbliku ieħor ġodda. Għalkemm dejjem tista' tħassar l-iSnaps tiegħek mis-Settings, żomm f'moħħok li l-kontenut il-ġdid li jużahom ma jistax jitħassar.

  • Informazzjoni li niġbru. Meta tibgħat l-iSnaps tiegħek fuq Spotlight, aħna niġbru l-informazzjoni dwar kif jintużaw u dwar dak li l-utenti l-oħra jagħmlu b'rabta magħhom bħal pereżempju l-għadd ta' drabi li jinfetħu, kemm idumu miftuħin fuq l-iskrin, kemm-il darba jiġu mmarkati bħala favoriti, jekk jitteħdux ritratti tal-iskrin u kemm-il darba jintbagħtu lil ħaddieħor fuq Snapchat jew minn Snapchat. Aqra l-Politika tal-Privatezza tagħna għal ħarsa iktar dettaljata dwar l-informazzjoni li niġbru.

  • Kif nistgħu nużaw l-iSnaps ta' Spotlight. Ir-raġuni ewlenija għaliex niġbru d-dettalji mill-iSnaps fuq Spotlight hija biex inkunu nistgħu nwasslulek is-Servizz ta' Spotlight. Minbarra Artiklu numru 2 ta' dawn ir-Regoli ta' Spotlight u l-għanijiet imsemmija fil-Politika tal-Privatezza, aħna u oħrajn nistgħu nużaw l-iSnaps tiegħek fuq Spotlight hekk:

    • Nistgħu nuru l-iSnaps ta' Spotlight fuq il-pjattaforma ta' Snapchat fosthom f'Taħditiet jew f'Sejjieba bħala parti minn Storja Miġbura, Edizzjoni tal-Pubblikatur jew Spettaklu.

    • L-utenti l-oħra jistgħu jużaw jew jagħmlu xi bidliet fl-iSnaps ta' Spotlight tiegħek, jaqsmu l-iSnaps ta' Spotlight f'Taħditiet ma' Sħabhom, jaqsmu ħolqa għall-iSnaps ta' Spotlight tiegħek fuq servizzi oħra li mhux marbuta ma' Snapchat (bħal servizzi tal-messaġġi) u jaqsmu l-ħolqa għall-iSnap ta' Spotlight tiegħek fuq siti oħra.

    • Jekk tibgħat Snaps li jmorru tajjeb jew li jkunu eliġibbli għal premju, min-naħa tagħna nistgħu nenfasizzaw il-Kont jew l-iSnaps tiegħek fl-app ta' Snapchat billi pereżempju nuru badge fuq l-iSnaps ta' Spotlight tiegħek.

    • Jekk tagħżel li timmarka l-post fejn tinsab fl-iSnap ta' Spotlight tiegħek, l-iSnap ta' Spotlight tiegħek tista' tintrabat ma' Post u tintwera fuq il-Mappa tal-iSnaps.

    • Nistgħu nenfasizzaw l-iSnaps ta' Spotlight tiegħek fil-Fittiexa u nistgħu norbtuhom ma' xi Paġni jekk pereżempju l-iSnap tiegħek tuża xi Lentijiet, Ħsejjes jew ħwejjeġ speċjali oħra.

    • Jekk tibgħat Snap fuq Spotlight, l-utenti l-oħra jistgħu jimmarkaw l-iSnap bħala waħda favorita u dik l-iSnap ta' Spotlight favoriti se tintwera fil-lista tal-Favoriti privata ta' dak l-utent.

    • Nistgħu nistudjaw l-iSnaps fuq Spotlight biex infittxu għal xejriet, niksbu fehim ġenerali, immexxu r-riċerka u l-iżvilupp, biex noffru l-personalizzazzjoni, [1] biex nagħmlu t-titjib u bieix ngħallmu lill-magni.

    • Biex nikkuntattjawk dwar l-eliġibbiltà għal kont tal-Ħlas u niktbulek jekk ikollna xi mistoqsijiet oħra dwar l-iSnaps ta' Spotlight tiegħek jew biex nużaw l-iSnaps ta' Spotlight tiegħek.

  • Żamma tal-iSnaps ta' Spotlight. L-iSnaps li tibgħat fuq Spotlight jistgħu jinħażnu għal dejjem u jistgħu jintwerew fuq Snapchat għal tul ta' żmien — kultant għal xhur sħaħ jew iktar.

  • Setgħa fuq l-iSnaps ta' Spotlight tiegħek. Tista' tieħu ħsieb l-iSnaps li tkun bgħatt fuq Spotlight mill-Profil tiegħek. Tista' wkoll tuża Niżżel id-Dejta Tiegħi biex tikseb kopja tal-informazzjoni u tkun tista' tmexxiha jew taħżinha fejn trid. Aqra l-Artiklu Setgħa fuq l-Informazzjoni Tiegħek għal iktar dettalji fuq is-setgħat tiegħek fosthom il-jedd li titlob kopja tal-informazzjoni dwarek.

  • Qsim tal-informazzjoni ma' persuni naturali u persuni legali oħra. Nistgħu naqsmu l-informazzjoni dwarek ma' operaturi tas-servizzi li jagħmlu xi servizz f'isimna fosthom, kif hemm miktub f'Artiklu numru 4 ta' dawn ir-Regoli ta' Spotlight, il-pjattaformi tal-ħlasijiet imsieħba magħna.

Dejjem tista' tiktbilna jekk ikollok iktar mistoqsijiet dwar kif nipproċessaw id-dejta tiegħek.

12. L-Ebda Relazzjoni ta' Aġenzija

L-ebda klawżola minn dawn ir-Regoli ma tista' tintuża biex tagħti x'tifhem li hemm relazzjoni ta' sħubija, ta' aġenzija jew ta' kuntratt tax-xogħol bejnek u bejn Snap.

13. Avviżi

Kif semmejna hawn fuq, jekk Snap tqis li tista' tkun eliġibbli għal Ħlas, Snap jew il-pjattaforma tal-ħlasijiet imsieħba magħna se tavżak bl-app ta' Snapchat, fuq id-Dettalji tal-Kuntatt li tkun tajtna fil-profil tiegħek bħala utent (fosthom l-indirizz tal-email) jew mill-kont ta' Snapchat uffiċjali tagħna bl-isem ta' Tim ta' Snapchat. Snap tista' wkoll tiktiblek dwar l-iSnaps tiegħek li mhux eliġibbli għall-Ħlasijiet jew għal raġunijiet oħra. Jekk jogħġbok iċċekkja ta' sikwit n-notifiki ta' Snapchat, żomm in-numru tal-mowbajl u l-indirizz tal-email tiegħek aġġornati u vverifika l-indirizz tal-email. Jekk fl-imgħoddi mblukkajt jew neħħejt lit-Tim ta' Snapchat minn sħabek, int taqbel li nistgħu niżblukkaw u nerġgħu nżidu lit-Tim ta' Snapchat mal-lista ta' sħabek biex tkun tista' tirċievi l-messaġġi uffiċjali mingħandna fuq Snapcat.

14. Arbitraġġ u Liġi li Tirregola l-Ftehim

Kemm infakkruk li dawn ir-Regoli jiġbru fihom ir-Regoli tas-Servizz ta' Snap Inc. jew ir-Regoli tas-Servizz ta' Snap Group Limited (skont liema minnhom jgħodd għalik skont il-post fejn toqgħod jew, jekk qed tuża s-Servizzi f'isem negozju, skont fejn huwa bbażat dak in-negozju). Minkejja li r-Regoli tas-Servizz ta' Snap Inc. jew ir-Regoli tas-Servizz ta' Snap Group Limited (skont il-każ) kollha jgħoddu għalik, xtaqna nenfasizzaw b'mod speċjali li dawn ir-Regoli għandhom il-klawżola tal-Arbitraġġ, Ħall mill-Proċedimenti Kollettivi u Ħall minn Kawża b'Ġurija, il-klawżola tal-Għażla tal-Liġi u l-klawżola tal-Għażla tal-Qorti tar-Regoli tas-Servizz ta' Snap Inc. (jekk jgħix jew qed tuża s-servizz f'isem negozju bbażat ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka) jew il-klawżola tal-Ftehim f'każ ta' Tilwim, Arbitraġġ, il-klawżola tal-Għażla tal-Liġi u l-klawżola tal-Għażla tal-Qorti tar-Regoli tas-Servizz ta' Snap Group Limited (jekk tgħix jew qed tuża s-servizz f'isem negozju bbażat barra l-Istati Uniti tal-Amerka).

AVVIŻ DWAR L-ARBITRAĠĠ: ĦLIEF FIL-KAŻ TA' ĊERTU TILWIM IMSEMMI FID-DISPOŻIZZJONI TAL-ARBITRAĠĠ TAR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC., JEKK TGĦIX ĠEWWA L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA JEW JEKK QED TUŻA S-SERVIZZ F'ISEM NEGOZJU BBAŻAT ĠEWWA L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA INT U SNAP TAQBLU LI T-TALBIET U T-TILWIM KOLLHA TA' BEJNIETKOM, FOSTHOM IT-TALBIET U T-TILWIM MARBUTA MAL-LIĠI, GĦANDHOM JINQATGĦU PERMEZZ TA' ARBITRAĠĠ OBBLIGATORJU U LI JORBOT LILL-PARTIJIET SKONT IL-PROĊEDURI TAL-ARBITRAĠĠ IMSEMMIJA FIL-KLAWŻOLA TAL-ARBITRAĠĠ TAR-REGOLI TAS-SERVIZZ TA' SNAP INC. U TAQBEL LI ĊĊEDI KULL JEDD LI TIEĦU SEHEM F'KAWŻA JEW ARBITRAĠĠ BI PROĊEDIMENTI KOLLETTIVI. JEKK QED TUŻA S-SERVIZZI F'ISEM NEGOZJU BBAŻAT BARRA L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA, INT U SNAP GROUP LIMITED TAQBLU LI T-TILWIM TA' BEJNIETKOM JINQATA' SKONT IL-KWAŻOLA TAL-ARBITRAĠĠ OBBLIGATORJU TAR-REGOLI TAS-SERVIZZI TA' SNAP GROUP LIMITED.

15. Regoli oħra

Nistgħu kull tant żmien nibdlu dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap. Tista' tiċċekkja d-data “Fis-seħħ minn” li tinsab fuq nett ta' dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap biex tifhem meta l-aħħar li nbidlu. Kull bidla f'dawn ir-Regoli ta' Spotlight se tidħol fis-seħħ fid-data “Fis-seħħ minn” murija hawn fuq u se tgħodd għal kull meta tuża s-Servizzi minn dak il-ħin 'il quddiem. Int taqbel li terġa' taqra dawn ir-Regoli ta' Spotlight, bil-bidliet li nkunu għamilnielhom, ta' sikwit biex dejjem tkun taf xi tgħid l-aħħar verżjoni ta' dawn ir-regoli. Jekk tkompli tuża s-Servizz wara li nkunu ppubblikajna r-Regoli ta' Spotlight il-ġodda, aħna se nqisu li min-naħa tiegħek taqbel mar-Regoli ta' Spotlight il-ġodda. Jekk ma taqbilx mar-regoli l-ġodda jeħtieġlek tieqaf tuża s-Servizz. Jekk xi dispożizzjoni ta' dawn ir-Regoli biex Tibgħat il-Kontenut u Ddaħħal il-Flus fuq Spotlight ta' Snap titqies li ma tistax titwettaq, allura dik id-dispożizzjoni għandha titqies għaliha u mhux parti intrinsika tar-regoli u mhux se jkollha effett fuq il-validità u t-twettiq tad-dispożizzjonijiet l-oħra.